ARTIKOLI

Ir-Reġina Eliżabetta

Ix-xena politika Maltija bdiet titkellem fuq ħaġa waħda – Malta ma setgħetx tibqa’ kolonja. Xi ħaġa kellha ssir. Il-Partit Laburista tkellem fuq żewġ toroq – jew għaqda mal-Gran Brittanja jew indipendenza sħiħa filwaqt li l-Partit Nazzjonalista tkellem fuq indipendenza.


Malta saret stat sovran u r-Reġina Eliżabetta tad-Dar ta’ Windsor saret il-kap il-ġdid ta’ Malta. Id-dar ta’ Windsor kienet saret id-Dar Irjali ta’ Malta. Bħala rappreżentant tar-Reġina kien hawn il-gvernatur, il-gvernatur-ġenerali. Malta saret renju u dan dam għaxar snin sakemm il-Perit Dom Mintoff ħoloq ir-Repubblika. Dak iż-żmien iż-żewġ rappreżentanti tar-Reġina kienu Sir Maurice Dorman u Sir Anthony Mamo.

Għaċ-ċerimonji li kienu qed jiġu ċelebrati wasal Malta d-Duka ta’ Edinburgh, li dam hawn tlett ijiem. Matulhom fetaħ sessjoni tal-parlament fis-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ.

Iż-żjara tar-Reġina bħala Reġina ta’ Malta

Il-gvern ta’ Malta ta’ dawk iż-żminijiet ried jibgħat lill-Gvernatur Ġenerali fl-Italja iżda ma ġietx aċċettata billi hu ma kienx il-kap ta’ stat. Wara ħafna żmien dehret fuq l-art Maltija l-unika reġina ta’ Malta – ir-Reġina Elizabetta. Kienet waslet f’Novembru 1967. Fl-ajruport ta’ Ħal Luqa kien hemm il-Gvernatur-Ġenerali Sir Maurice Dorman u l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Ġorġ Borg Olivier, kif ukoll l-Arċisqof Mikiel Gonzi wkoll.

L-għada li waslet kienet fetħet sessjoni tal-parlamant, ċerimonja li saret fis-sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ fil-Palazz. Dakinhar ir-Reġina tat bandiera militari lill-King’s Own Malta Regiment. Ħadet sehem ukoll f’rally taż-żgħażagħ waqt fil-għaxija kien hemm riċeviment fil-Berġa ta’ Aragona u attività teatrali fil-Manoel. Fis-16 ta’ Novembru, fit-tielet jum tal-mawra tagħha għamlet żjara f’Għawdex fejn poġġiet l-ewwel ġebla ta’ l-isptar il-ġdid f’Ta’ l-Ibraġ. Fil-għaxija kien hemm ‘searchlight tattoo’ tal-Forzi Armati u ballu statali fil-Palazz. L-aħħar jum kien immirat fuq l-għolja Tal-Qroqq fejn saret iċ-ċerimonja ta’ l-ewwel ġebla tal-kampus ta’ l-Università. Hi tat bandieri militari liż-żewġ baned tal-Belt Valletta – King’s Own u La Valette. Waqt li kienet sejra għall-ajruport xi nies bdiet tgħajjat: “Come again.” Hekk kif semgħet dawk il-kliem niżżlet il-ħġieġa tal-karrozza u wieġbet: “Yes I will.”

Żjarat waqt ir-renju Malti

It-tifel tar-Reġina ta’ Malta u eredi tat-tron Malti kien għamel żjara waqt l-għaxar snin li r-renju dam ħaj. Dan seħħ f’Ġunju tas-sena 1972. Il-Prinċep Charles, Prinċep ta’ Wales kien wasal fuq vapur militari, l-HMS Norfolk. Fl-1 ta’ Ġunju dan il-prinċep kien il-mistieden tal-Prim Ministru, l-Perit Dom Mintoff.

Kien għamel ftit żmien water-skiing qrib il-gżira ta’ Filfla u kiel ukoll f’Delimara, fir-residenza tas-sajf tal-familja Mintoff.



Mintoff u r-repubblika

Fl-għaxar sena tar-renju ta’ Eliżabetta, l-Prim Ministru Malti waqqaf ir-Repubblika ta’ Malta. L-aħħar Gvernatur-Ġenerali Sir Anthony Mamo sar l-ewwel President ta’ Malta, President tar-Repubblika. L-arma rjali bdiet u l-kap ta’ l-istat beda jgħix fostna fit-tliet palazzo jew residenzi nazzjonali – il-Palazz kompla jservi bħala working palace, il-Palazz ta’ San Anton bħala residence palace u l-Kastell ta’ Verdala bħala s-summer residence palace. Dan ta’ l-aħħar kien jintuża għal xi żmien fejn il-gvern kien jisma’ l-mistednin tiegħu.

Il-familja rjali wara t-twaqqigħ tar-renju

Il-familja rjali kompliet ir-rabta tagħha ma’ Malta wara t-twaqqif tar-repubblika. Kif diġà ktibna iben ir-Reġina, eredi tat-tron Ingliż, il-Prinċep Charles wasal fuq il-vapur militari HMS Norfolk, fejn kien ġie milqugħ mill-Prim Ministru l-Perit Dom Mintoff. It-tieni iben tar-reġina, il-Prinċep Andrew wasal fl-1988 fuq il-vapur militari HMS Edinburgh. Filwaq li t-tielet iben tar-Reġina, l-Prinċep Edward wasal bħala Lutenent Trustee tal-Duke of Edinburgh Award.

Ir-Reġina

Wara t-twaqqif tar-repubblika r-Reġina għamlet żewġ żjarat oħra. Waħda minnhom kienet waqt il-laqgħa tal-mexxejja tal-Commonwealth li kienet saret Malta, minħabba li bħala l-kap tal-familja rjali sservi bħala l-kap tal-Commonwealth. Dan il-grupp ta’ pajjiżi jirrappreżenta l-pajjiżi li qabel kienu parti mill-imperu Ingliż, minn taħt żmien ta’ koloniżmu Ingliż.

Il-kuruna rjali spiċċat minn Malta u l-familji Hanover, Saxe-Coburg-Gotha u Windsor huma biss parti minn storja, parti mill-wirt tagħna l-Maltin.
copyright 2008 - www.werrej.com